L-Isfond Storiku

L-ISTUDJI SOĊJALI FIL-PRIMARJA

L-Isfond Storiku

Illum (2013) meta nsemmu l-Istudji Soċjali fil-Primarja, inkunu qegħdin nitkellmu dwar l-Istorja, il‑Ġografija u ċ-Ċivika. Imma, mhux minn dejjem kien hekk. Dawn it‑tliet dixxiplini nġabru taħt kappa waħda għal skop ta’ assessjar meta l-Istudji Soċjali beda jiġi eżaminat għad-dħul fil-Junior Lyceums.

It-tagħlim taċ-Ċivika għandu tradizzjoni twila. Diġà nsibu kif matul il-Ħakma Franċiża f’Malta bejn l‑1798-1800, aspetti ta’ edukazzjoni ċivika ddaħħlu fis‑sistema edukattiva organizzata minn Napuljun. Skont Patri Dijonisju Mintoff l‑edukazzjoni ċivika ħadet iktar importanza wara l-1930 u anke wara t‑Tieni Gwerra. Matul is-sittinijiet bdew isiru lezzjonijiet formali fiċ-Ċivika fil-Primarja u ġie ppreparat sillabu ħafif.  F’ċerti okkażjonijiet kienu jsiru kommemorazzjonijiet ta’ natura ċivika, bħal meta tfakkar l-assassinju tal-President Amerikan John F Kennedy u meta bdiet tingħata importanza lill-ħajja tal‑Papa Gwanni XXIII.

Fl-1967 il-Gvern Malti għamel kuntatti ma’ Plater College tal-Università ta’ Londra u, fost l-oħrajn, l‑għalliema Maltin bdew jingħataw taħriġ biex jgħallmu ċ-Ċivika u l‑Ekonomija.  Nazju Abela u Anthony Mifsud kienu fost l-ewwel għalliema taċ-Ċivika.

Qabel l-1980 Patri Mintoff kien ġa ħareġ b’ideat kif iċ-Ċivika tista’ tisvolġi fi Studji Soċjali. Il-bidliet il‑kbar saru fis-snin tmenin. Meta twaqqfu l-Junior Lyceums, għall‑ewwel l-istudenti kienu jiġu eżaminati fl‑Ingliż, fil-Malti u fil-Matematika. Qabel l-1970 kienu jsiru eżamijiet fl-Ingliż u fil-Matematika biss. Wara l-1987, għad-dħul fil-Junior Lyceums bdew isiru eżamijiet fl-Ingliż, fil-Malti, fil‑Matematika, fl-Istudji Soċjali u fir-Reliġjon. Hawnhekk l-Istudji Soċjali beda jikkonsisti f’dawn l‑aspetti li ġejjin:

(a) L-Istorja – xi eżempji kienu t-Tempji Megalitiċi, l-Ipoġew, ir-Rumani, San Pawl, l-Assedju l-Kbir, il‑Bini tal-Belt Valletta u t-Tieni Gwerra Dinjija;

(b) Il-Ġografija – pajjiżi madwar il-Baħar Mediterran,  il-paesaġġ Malti, il-biedja, is‑sajd;

(c) iċ-Ċivika – tagħlim dwar il-fergħat tal-Gvern bħall-Esekuttiv, il-Ġustizza u l‑Parlament, benefatturi Maltin bħal Dun Ġorġ Preca u Mons Mikiel Azzopardi;

(d) l-Istorja Naturali – iż-żrinġ, il-ħut, il-pitirross u n-naħla.

Għall-ewwel darba nħadem textbook uffiċjali bl-isem ta’ STUDJI SOĊJALI – GWIDA GĦALL-GĦALLIEMA TAS-SITT SENA (1987). Dan il-ktieb ġie riċerkat minn numru ta’ Uffiċjali Edukattivi u editjat minn Charles Galea Scanura.

Interessanti l-fatt kif l-erba’ komponenti differenti ġew amalgamati fi ktieb wieħed. Biż-żmien, l‑Istorja Naturali nqatgħet mill-Istudji Soċjali u ddaħħlet fix-Xjenza. Hawnhekk ukoll bdew jinħadmu tliet kotba differenti għall-Ambjent Storiku, l‑Ambjent Ġografiku u l-Ambjent Uman. Nistgħu ngħidu li mill-1987 lil hawn id‑Dipartiment tal-Edukazzjoni dejjem ipprovda textbooks uffiċjali għall-Istudji Soċjali. Kull meta s-sillabi ġew riveduti, il-workbooks inbidlu wkoll.

Fl-1996 inħarġu sillabu ġodda għar-Raba’, il-Ħames  u s-Sitt Sena. Fis-sena 2000 saru sillabi ġodda fl-Istudji Soċjali mill‑Ewwel Sena sas-Sitt Sena Primarja. Kotba uffiċjali saru għas-6 sena biss. Saret reviżjoni fis-sena 2006. L-aħħar reviżjoni tas‑sillabi saret fl-2014.

Fis-sena 2011 daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-Benchmark. Permezz ta’ din ir-riforma, fl-aħħar tal-Primarja bdew isiru eżamijiet fl-Ingliż, fil-Malti u fil-Matematika. L‑istudenti bdew jiġu ‘ssettjati’ fil-Form 1 tas-Sekondarja fuq il-marka ta’ dawn it‑tliet suġġetti. Fl-Istudji Soċjali baqa’ jsir l-eżami annwali ta’ Ġunju

(Josephine Vassallo, Philip Said, Paul Bezzina, George Said Zammit, Tony Pace, 2011)

AĠĠORNAMENT – Awwissu 2014

F’April 2014 beda l-proċess biex is-sillabi kollha tal-Istudji Soċjali jiġu aġġornati fuq dawn il-linji:

  1. Jitnaqqas il-kontenut
  2. tingħata iktar importanza lill-ħiliet magħrufa bħala ‘higher order’.

Saret rijorganizzazzjoni tas-sillabi, liema rijorganizzazzjoni daħlet fis-seħħ minn Settembru 2014. Ingħatat importanza lil fieldwork u proġett illi beda jkollhom 20% tal-marka globali. L-eżamijiet bil-kitba beda jkollhom 80% tal-marki.

Tony Pace Awwissu 2014