Fuq ir-Razzett taz-Ziju Toni

FUQ IR-RAZZETT TAZ-ZIJU TONI – irrakkuntata permezz tat-taqbiliet immużikati

boy-on-farmBertu, tifel ta’ sitt snin, joqgħod il-Baħrija. Iz-ziju tiegħu Toni, għandu razzett ftit ‘il barra mill-Baħrija. Kull nhar ta’ Sibt, iz-Ziju Toni jistenna lil Bertu biex imur jgħinu fix-xogħol li jkollu fuq ir-razzett.

Fuq ir-razzett, iz-Ziju Toni għandu ħafna annimali. Nhar ta’ Sibt filgħodu, Bertu jgħin lil zijuh biex jagħlfu l-qżieqeż. Bertu tgħidx kemm jidħak met l-qżieqeż jibdew jagħmlu l-ħsejjes b’imneħirhom. Propjament Bertu jiggustahom qishom qegħdin jonħru.

Wara li jagħlfu l-qżieqeż huma jmorru jagħlfu t-tiġieġ u l-flieles. Fuq ir-razzett taz-Ziju Toni, it-tiġieġ u l-flieles tgħidx kemm għandhom fejn jiġru. X’ħin ipoġġulhom l-ikel fil-barmil ċatt, arahom ġejjin jiġru kollha biex jieklu. Bertu u z-Ziju Toni jieħdu l-opportunità, waqt li t-tiġieġ ikunu qegħdin jieklu, biex jiġbru l-bajd tagħhom.

Fuq ir-razzett taz-ziju, Bertu jitpaxxa jara bosta annimali oħra. Fost l-oħrajn, Bertu għamel ħbieb mal-qattus taz-Ziju Toni. Il-qattus jismu Buxu u Bertu tgħidx kemm jieħu gost jilgħab miegħu nhar ta’ Sibt.

Il-mara taz-Ziju Toni, Lina, tħobb ħafna l-mużika. Lil Bertu kitbitlu taqbila u kull nhar ta’ Sibt, Bertu, iz-Ziju Toni u z-Zija Lina, tgħidx kemm iħobbu jkantawha. Isimgħuha din it-taqbila.

Saħħa u Sigurtà fit-Triq – rakkont bit-taqbiliet

(aqra dan id-djalogu, imbagħad tgħallem it-taqbiliet)

IL-PAPÀ: Tlaqna Mario. Illum se nieħdok ħarġa sal-Buskett. Immorru ħa nilħqu l-karozza tal-linja tad-9.00am.
MARIO: Aħjar ngħaġġlu Pa, għax diġà d-8.45am. Ejja naqsmu għan-naħa l-oħra.
IL-PAPÀ: Stenna. Żomm. Jekk nimxu ftit lil hemm, insibu ż-Zebra Crossing u naqsmu aħjar u mingħajr periklu.
MARIO: Iva aħjar. L-għalliema xebgħet tgħidilna, li meta naqsmu t-triq, l-aħjar nużaw iż-Zebra Crossing. Ara jidhru minn hawn, strixxi bojod u suwed. Minn hemm suppost naqsmu.
IL-PAPÀ: Ejja nħaffu Mario. Kulur aħmar bħalissa. Taf x’ifisser l-aħmar Mario?
MARIOIva, Pa, aħmar ifisser li ma tistax taqsam.
IL-PAPÀ: U liema hu l-kulur li jfisser li nistgħu naqsmu?
MARIO: Aħdar Pa. L-għalliema għamlitilna lezzjoni sħiħa fuq is-sinjali tat-traffiku.
IL-PAPÀ: Wasalna Mario. (waqt li qegħdin jistennew, il-Papà jibda jkanta).

MARIO: Sabiħa Pa din it-taqbila. Jiena naf oħra taqbila dwar it-traffiku. Tgħallimtha s-sena l-oħra fil-klassi ta’ Ms Agnes.
IL-PAPÀ: Kantahieli Mario. (Mario jibda jkanta).

MARIOId-dawl qaleb Pa. Aħdar issa. Ejja naqsmu.
IL-PAPÀ: Għall-Buskett mela Mario. Tlaqna

Aħna Tfal Nodfa

hygiene-1X’nifhmu biha meta nitkellmu dwar L-INDAFA PERSONALI? Kulħadd jaf kemm huwa importanti li nkunu nodfa, imma, x’għandna nagħmlu eżatt?

L-indafa rridu nidraw nieħdu ħsiebha minn kif inqumu.  Filgħodu meta nqumu, għandna naħslu wiċċna u naħslu snienna. Meta naħslu wiċċna għandna noqogħdu attenti li nilħqu wara widnejna sew. Għonqna għandna nimsħuh sew ukoll. Meta naħslu snienna għandna nippruvaw nilħqu bl-ixkupilja tas-snien kull rokna ta’ ħalqna. Nisimgħu din it-taqbila li tgħallimna kif għandna nieħdu ħsieb l-indafa personali tagħna malli nqumu.

Naturalment, matul il-jum imbagħad ikun hemm ħafna affarijiet oħra li għandna nagħmlu biex inżommu ndaf. Pereżempju, qabel nieklu għandna naħslu jdejna sewwa, wara li nilagħbu għandna ninħaslu u m’għandna qatt nidħlu fis-sodda bi ħwejjeġ maħmuġin. Dwar dawn l-affarijiet imma nitkellmu fi storja oħra darb’oħra.

hygiene-3hygiene-2

Il-Ġugarelli – irrakkuntata bit-taqbiliet

(tirrakkonta Linda):
Għiduli tfal, min ma jħobbhomx il-ġugarelli? Min ma jħobbx jaqla’ xi ġugarell biex ikun jista’ joqgħod jilgħab bih fil-ħin meta la jkollna homework u lanqas affarijiet oħra x’nagħmlu? Imbagħad xi ngħidu għal meta jkun il-maltemp, u ma nkunux nistgħu noħorġu nilagħbu barra? Meta jkun il-maltemp, m’hemmx isbaħ milli noqogħdu ġewwa u nilagħbu bil-ġugarelli.

Ġugarell li forsi llum ma tantx għadna nilagħbu bih hija ż-ŻUGRAGA. Iż-żugraga kienet qisha bħal ballun imma ta’ forma żengulija, li meta tagħtiha l-ħabel, erħilha ddur u ddur u tagħqad. Isimgħu din it-taqbila:

Bil-lingwa Ingliża, il-ġugarelli nsejħulhom ‘toys’. Fost il-ġugarelli l-iktar popolari mat-tfal insemmu l-pupi, il-karozzi tal-logħob, blalen, annimali jiċċaqalqu bħal ngħidu aħna xi ors jew xi xadina, vapuri, u affarijiet li nużaw id-dar pereżempju xi sett tat-te. Isimgħu din il-lista sħiħa ta’ ġugarelli jissemmew kollha f’din it-taqbila:

Mela tfal, ħudu gost ilagħbu bil-ġugarelli tagħkom. Tinsewx li meta nilagħbu bil-ġugarelli, minbarra li nieħdu gost, inkunu qegħdin nitgħallmu ħafna wkoll.

Ngħixu f’Saħħitna – storja irrakkuntata permezz tat-taqbiliet

RAKKONT 1: Jisimni Marija. La kont inħobb frott, la ħaxix, la ħalib u lanqas nuts.  Tini xi ċikkulata, jew xi burger u ħalliha għalija. Kulħadd kien jgħidli li hemm bżonn inbiddel l-istil ta’ ħajja. Iżda jien ma ridtx naf. Li ġara hu li bdejt nimrad ta’ spiss. Dlonk indunajt li jeħtieġ nibda niekol aħjar.

RAKKONT 2: Jien, bħal Marija, xejn ma kont inħobb. Imma tisma’ minn hemm, tisma’ minn hawn, bdejt ninfluwenza ruħi. Tal-iskola għamlu il-healthy living policy. It-tabib u l-ġenituri tgħidx kemm qaluli biex nibda ngħix aħjar.
RAKKONT 3: l-ewwel pass kien meta bdejt inħobb il-ħalib. Il-ħalib naf li hu tajjeb għas-snien, għall-għadam u għas-saħħa. Il-ħalib jgħinna nikbru malajr u aħjar. Isimgħu din:

RAKKONT 4: In-nuts ukoll huma tajbin għas-saħħa. Għandhom irwol importanti f’dieta bilanċjata.

RAKKONT 5: Ħadna wkoll l-eżempju ta’ Salvinu; dak kien iħobb il-ħut, it-torta, l-imqarrun, il-brodu…. il-veru ma kellux ksuħat  Isimgħu kif veru:

RAKKONT 6: Li tiekol ikel sustanzjuż mhuwiex biżżejjed, tafux? L-eżerċizzju huwa importanti ħafna wkoll. Tajjeb għall-qalb, għall-muskoli… Għalhekk isimgħu it-taqbila Naqbeż u Nogħla

RAKKONT 7: Inħeġġukom tkunu Kreattivi f’dak li tagħmlu u tieklu. Nisperaw li bil-kant tagħna wassalnielkom il-messaġġ li xtaqna.
Insellmulkom.
(Din l-istorja ġiet oriġinata minn Pauline Pace)

L-Istorja ta’ Salvinu – irrakkuntata bit-taqbiliet

Narratur: Jisimni SALVINU, għandi 9 snin, noqgħod Ħal Millieri u nattendi l-iskola primarja tar-raħal tiegħi. Jiena nħobb kuljum qabel norqod, inżomm djarju; fid-djarju nniżżel dak li nkun għaddejt minnu matul il‑jum. Illum se naqralkom biċċa mid-djarju li ktibt nhar l-Erbgħa li għaddew.
Biex jgħinuni ngħidilkom l-istorja tiegħi iktar interessanti, għandi l-għajnuna tat-taqbiliet. Permezz ta’ taqbiliet, jew aħjar nursery rhymes, se nirrakkuntalkom l-istorja tiegħi.
Nhar l-Erbgħa, l-iskola, l-għalliema qaltilna biex naħsbu ftit x’nistiequ nsiru meta nikbru. Jiena mill‑ewwel għedtilha li, għadni ma nafx….. pilota, avukat, tabib, skrivan…. insomma, għadni ma nafx!

Narratur: Nhar l-Erbgħa wara nofsinhar, għamlet ħafna xita. Ix-xita għamlet bil-qliel, u stajna nisimgħuha tfaqqa’ mal-art tal-bitħa tal-iskola.

Narratur: Sakemm wasalna biex nispiċċaw l-iskola, ix-xita kienet waqfet. Allura ħriġna mill-iskola bla ġenn. Wara l-iskola, bħal dejjem, biex nasal id-dar, irrid naqsam Triq iż-Żurrieq, Triq it-Tellerit u nimxi fi Triq il-Kuċċard. Minn hawnhekk jgħaddi ħafna traffiku. Isimgħu kif jirnexxili noqgħod attent meta nimxi fit-triq.

Narratur: Lura d-dar, il-Mamà dejjem tlestili platt sħun. Jiena tgħallimt li fl-ikel ma nkunx fitt. Naf li l-Mamà tagħtini niekol ikel sustanzjuż. Mhux dejjem ikolli aptit il-brodu u l-imqarrun, imma… tgħallimt li mhux sew ingerger fuq l-ikel, meta hawn tant nies fid-dinja li kuljum, m’għandhomx ikel biżżejjed biex għallinqas ma jorqdux bil-ġuħ!

Narratur: Bħala homework, nhar l-Erbgħa l-għalliema tatna taħriġ fil-Matematika u fl-Ingliż. Wara li lestejt il‑homework tal-Metematika, iddeċidejt li noħroġ ftit għall-arja fil-ġnien. Hemmhekk qgħadt nosserva ftit il-bebbux li wara x-xita li kienet għamlet wara nofsinhar, kellu xalata!

Narratur: Ma domtx wisq fil-ġnien, għax l-arja kienet friska u ħassejt il-bard. Dħalt ġewwa, lestejt il-homework tal-Ingliż, u dritt għall-kamra tal-logħob li għandna d-dar. Qattajt l-isbaħ nofs siegħa nilgħab m’oħti Lina.

Narratur: Dik kienet biċċa mid-djarju tiegħi ta’ nhar l-Erbgħa. Titħajru tibdew iżżommu djarju bħali? F’idejkom. Insellmillkom.

Għandi Presepju

Il-Milied magħna. Din l-għanja GĦANDI PRESEPJU tinsab fil-pubblikazzjoni GĦANJIET U TAQBIL ikkoordinat mill-iskola primarja tal-Furjana immexxija mis-Sur Miceli. Ejja ngħallmu lill-istudenti tagħna għanjiet bħal dawn li jagħmlu l-Milied perjodu tassew ħelu u sinifikattiv fil-ħajja tagħna. IL-MILIED IT-TAJJEB!