- SKOP TAL-WEBSAJT: din il-websajt hija maħsuba biex tikkoordina, tiffaċilita u tissapportja t-tagħlim tal-Istudji Soċjali fil-klassijiet kollha tal-Primarja. Hija ntiża biex tgħin ħalli l-Istudji Soċjali jingħata dimensjoni ġdida u moderna.
- KIF ORIĠINAT L-IDEA: Waqt iż-żjarat fl-iskejjel u diskussjonijiet mal-għalliema, u wara laqgħat mal‑Kapijiet ta’ Dipartiment is-Sinjura Antoinette Attard u s-Sur John Vella, identifikajna xi problemi li l-għalliema jiltaqgħu magħhom fl-Istudji Soċjali. L-ikbar problema dehrilna li kienet dik tal-“interpretazzjoni tas-sillabu”. Huwa fatt li mitt għalliem jiżviluppaw sillabu b’100 mod differenti.
- IT-TAQSIMIET PRINĊIPALI TAL-WEBSAJT: dawn huma (a) Kun Af (b) Taħriġ (ċ) Riżorsi oħra. Hawn taħt issibu xi ħaġa ħafifa dwar kull sezzjoni.
- Is-sezzjoni KUN AF: għal din is-sezzjoni nħadmu noti bażiċi li kull student għandu jaħkem mill-aħjar li jista’.
- Is-sezzjoni TAĦRIĠ: fis-sezzjoni tat-TAĦRIĠ wieħed isib eżerċizzji tipiċi li bihom wieħed jista’ jassessja kemm l-istudent ikun ħakem xi mira ta’ tagħlim partikolari. Dan it-taħriġ iservi kemm bħala konsolidament tal-lezzjonijiet kif ukoll bħala reviżjoni għall-assessjar formattiv.
- RIŻORSI OĦRA: Biex l-Istudji Soċjali jingħata iktar ħajja, kontinwament qegħdin jitpoġġew għad‑dispożizzjoni tal-edukaturi iktar riżorsi. Fost dawn ir-riżorsi hemm numru konsiderevoli ta’ preżentazzjonijiet u videos edukattivi. Dawn huma maħsuba biex l-għalliem ikun jista’ jippreżenta l-lezzjonijiet tiegħu b’mod iktar interessanti. Minbarra riżorsi fl-Istudji Soċjali hemm ukoll riżorsi utli oħra bħal: taqbiliet bil-Malti (Nursery Rhymes), Studji Soċjali – Malti (integrazzjoni tal-grammatika Maltija ma’ temi tal-Istudji Soċjali), u dokumenti utli għall-għalliema.
Tony Pace (Uffiċjal Edukattiv Primarja)